Attwalità 30 Apr 2026

Attwalità | 30 ta' April 2026

Dettalji tal-Episodju

Attwalità | 30 ta' April 2026 L-abort, l-istorbju, il-ħin mat-tfal u l-operazzjonijiet diskussi mill-kelliema tal-4 partiti Ir-rappreżentanti tal-partiti politiċi iddikjaraw il-pożizzjoni tagħhom dwar l-abort u l-ewtanasja fil-programm Attwalità fuq RTK103, ippreżentat minn Matthew Xuereb. Il-kelliema ta’ Momentum, il-PL u l-PN iddikjaraw li huma favur il-ħajja filwaqt li ċ-Chairperson tal-ADPD qalet li l-partit huwa favur l-abort. Sandra Gauci tenniet li l-ADPD hu favur li l-abort ma jitqiesx bħala att kriminali għax qalet il-mara ikollha bżonn l-għajnuna f’dik is-sitwazzjoni. Dwar l-abort, Matthew Agius qal li l-kandidati għandhom vot liberu u jistgħu jiddeċiedu skont dak li jemmnu huma. Fuq livell personali qal lu hu jemmen fil-bidu tal-ħajja mill-konċepiment.Qal li l-partit iħeġġeġ id-diskussjoni, kif sar dwar l-ewtanasja. Għall-partit Momentum, Matthew Agius qal li ż-żewġ messaġġi tal-partiti ewlenin għall-elezzjoni jistgħu jingħaqdu fil-messaġġ: “Inti Malta..Bla Nifs” Qal biex il-bini ikun affordabbli għaż-żagħżagħ, l-iżviluppaturi bil-postijiet vojta għandhom jiġu intaxxati. Enfasizza li din tgħodd għat-tieni proprjeta’ wara l-villeġġatura jew l-ewwel waħda li qed tiġi mikrija. Għall-partit Momentum, Matthew Agius qal li l-partiti ż-żgħar huma żvantaġġati. Huwa tkellem dwar il-banners li tella’ l-partit Momentum u tneħħew mill-Gvern. Qal li l-PL ħa Malta kollha bil-banners tiegħu u reġgħu qalgħu tal-Momentum għat-tieni darba. “Meta n-nies jaraw l-inġustizzja anke ma’ partit żgħir in-nies iwieġbu u taw id-donazzjonijiet biex reġgħu inxtraw iktar banners.” Appella għal titjib fl-infrastruttura bażika fejn il-bus stops ikollhom kenn mix-xemx biex in-nies li ma jużawx il-karozza, ikollhom fejn jistkennu. Sandra Gauci mill-ADPD semmiet il-każ ta’ sid ta’ post ta’ divertiment fil-Qawra li weħel multa ta’ €17,000 talli dejjaq lir-residenti bl-istorbju. Qalet li din kellha tittieħed bis-serjetà biex jiġi kkontrollat l-istorbju f’postijiet residenzjali, għax dan qed jaffetwa s-saħħa mentali tar-residenti. Qalet ukoll li hemm ħafna żagħżagħ qed jaħdmu minn wara l-kwinti u qed isir ħafna xogħol biex ikunu fl-aħbarijiet il-ħin kollu. “Qed tgħinu biex nibdlu l-istorja ta’ Malta”, qalet lill-voluntiera. Spjegat li ma nistgħux nibqgħu nibbażaw l-ekonomija fuq l-importazzjoni tal-ħaddiema minn barra. Qalet li l-bini żejjed u l-over tourism għandhom jiġu affrontati għax saru problemi ikbar. Insistiet li ma kienx hemm bżonn elezzjoni sena qabel, iżda l-miżuri biex jiġu mgħejjuna ż-żagħżagħ kellhom jiddaħlu fl-aħħar baġit. Dwar it-traffiku, insistiet li għandu jitnaqqas l-użu tal-karozzi. Ġibdet l-attenzjoni kif mhux għaddejja kampanja bie xin-nies jużaw inqas il-karozza tagħhom. Semmiet kif hi tuża t-trasport il-pubbliku il-ġimgħa kollha u hemm rotot li huma moqdija aħjar minn oħrajn. Roderick Zerafa mill-PL qal li din il-kampanja elettorali se tkun pożittiva u l-PL fadallu ħemel miżuri xi jħabbar qabel l-elezzjoni ta’ xahar ieħor. Mistoqsi dwar kemm il-PL fil-Gvern se jieħu ħsieb il-familja, Zerafa staqsa jekk biex ikollna iktar ħin mat-tfal, irridux inreġġgħu l-arloġġ lura għal meta l-ekonomija kienet iktar batuta u 8,000 kienu qiegħda. Ray Gatt li serva ta’ kirurgu sa ftit jiem ilu qal li din hi bidla kbira f’ħajtu, filli jaqdi l-pazjenti l-isptar u issa jrid jaqdi l-poplu fil-politika. “Kien ili naħseb fuqha u ġiet l-okkażjoni u aċċettajt” – Ray Gatt Insista dwar il-kontroll tal-waiting time ta’ pazjent għal operazzjoni, qal li din qed tibda tiġi indirizzata billi l-Gvern qed iħalli lil ċentri oħra barra l-isptar biex joperaw lill-pazjenti. Qal li din hi soluzzjoni kaotika, u m’hemmx pjan ħolistiku. Spjega li l-pazjenti li mhux posthom f’Mater Dei iridu jitneħħew biex l-isptar jintuża għall-iskop tiegħu. Staqsa wkoll għalfejn għandha tkun infermiera li tiggwida l-pazjent fejn imur għal operazzjoni. Dwar is-servizzi tas-saħħa mentali, qal li l-aħjar kura għall-pazjenti hija fil-komunità.

Ara kollha →